Press Release Epipicto (Maltese)

EPIPICTO:  PROĠETT EWROPEW ĠDID LI  IPOĠĠI L-EPILESSIJA FL-ISTAMPA

 Bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru 2017 saret laqgħa ta’ tnedija għal proġett ġdid bl-isem ta’ EPIPICTO.  Dan huwa proġett Ewropew Erasmus+ li se jiżviluppa gwida bl-istampi għall-adulti bl-epilessija u li għandhom diffikultà fil-litteriżmu.  Il-ħames organizzazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi differenti fosthom l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iskozja, kif ukoll Malta, iltaqgħu ma’ individwi Maltin li jew huma affettwati mill-epilessija jew li jiltaqgħu ma’ nies bl-epilessija fuq ix-xogħol tagħhom.  Dan sar sabiex jiġi diskuss x’inhuma l-aħjar elementi li għandhom jiġu inklużi fil-gwida.

L-epilessija hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet newroloġiċi kroniċi komuni li taffettwa mal-1% tal-popolazzjoni dinjija.  Kundizzjoni li sfortunatament iġġorr stigma kbira.  Ir-rapport tal-litteriżmu tal-U.E. tal-2012 jindika li mal-20% tal-adulti Ewropej għandhom problemi ta’ litteriżmu.  Numru kbir minn dawn in-nies jgħixu f’żoni rurali u għaldaqstant għandhom problema ta’ aċċess għall-edukazzjoni.  Minħabba l-wasla ta’ numru ta’ emigranti fl-Ewropa, fejn iċ-ċans hu li l-anqas jafu jikkomunikaw bl-ilsien tal-pajjiż li jinsabu fih, huwa stmat li dan il-persentaġġ huwa ogħla minn hekk.  Dan ifisser li jista’ jkun hemm impatt sinjifikanti fuq il-kwalità ta’ ħajja u ta’ saħħa ta’ dawn il-persuni.  Huwa mifhum li fejn hemm l-illiteriżmu,  in-nies ftit li xejn tkun taf kif titlob jew tfittex għall-għajnuna.  Għaldaqstant dan jaf iżid aktar stigma marbuta mal-epilessija.  EPIPICTO huwa l-proġett li qed jimmira lejn dil-ħtieġa immedjata.

L-għan ta’ din il-gwida huwa li jingħata tagħrif dwar tipi differenti ta’ epilessija , kif ukoll aktar għarfien u fatti dwar x’inhi u x’mhix din il-kundizzjoni.  Hu maħsub li dil-gwida se tagħti daqqa t’id lill-adulti epilettiċi sabiex ikunu jafu aktar kif ifittxu l-għajnuna, biex b’hekk itejbu l-kundizzjoni ta’ saħħithom u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.  Finalment, dan kollu, għandu jikkontribwixxi sabiex tkompli titnaqqas l-istigma, ibbażata fuq informazzjoni ħażina jew inkorretta.

Fondi provduti minn Erasmus+ għall-iżvilupp ta’ dil-gwida.

*******************************************************************

Ritratt: Membri tal-kumitat tal-EPIPICTO u l-membri tal- Kumitat tal-Caritas Malta Epilepsy Association (CMEA).

Mix-xellug ghal-lemin: Noel Portelli, CMEA; Robin Pinkston, CMEA; Michael Alexa, Malta; Caroline Morton, Netherlands; Shirley Maxwell, Scotland; Thomas Porschen, Germany; Janet Mifsud, CMEA, Caroline Attard, CMEA.

**********************************************************************************

Kuntatt:

‘Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat imejl fuq: epipicto@gmail.com

Awstrija: Epilepsie Dachverband Österreich, Mr. Michael Alexa. Email: michi19691@yahoo.de

Ġermanja: Interessenvereinigung für Anfallskranke in Köln e.v., Mr. Thomas Porschen. Email: info@epilepsie-online.de

Malta: Caritas Malta Epilepsy Association, Prof. Janet Mifsud. Email: janetmifsud@gmail.com

Olanda:Stichting Epilepsie Instellingen Nederland (SEIN), Ms. Caroline Morton. Email: cmorton@sein.nl

Skozja: Epilepsy Connections, Ms. Shirley Maxwell. Email: smaxwell@epilepsyconnections.org.uk