EPIPICTO: PROĠETT EWROPEW ĠDID LI IPOĠĠI L-EPILESSIJA FL-ISTAMPA
Bejn l-24 u l-25 ta’ Novembru 2017 saret laqgħa ta’ tnedija għal proġett ġdid bl-isem ta’ EPIPICTO. Dan huwa proġett Ewropew Erasmus+ li se jiżviluppa gwida bl-istampi għall-adulti bl-epilessija u li għandhom diffikultà fil-litteriżmu. Il-ħames organizzazzjonijiet li ġejjin minn pajjiżi differenti fosthom l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Olanda, l-Iskozja, kif ukoll Malta, iltaqgħu ma’ individwi Maltin li jew huma affettwati mill-epilessija jew li jiltaqgħu ma’ nies bl-epilessija fuq ix-xogħol tagħhom. Dan sar sabiex jiġi diskuss x’inhuma l-aħjar elementi li għandhom jiġu inklużi fil-gwida.
L-epilessija hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet newroloġiċi kroniċi komuni li taffettwa mal-1% tal-popolazzjoni dinjija. Kundizzjoni li sfortunatament iġġorr stigma kbira. Ir-rapport tal-litteriżmu tal-U.E. tal-2012 jindika li mal-20% tal-adulti Ewropej għandhom problemi ta’ litteriżmu. Numru kbir minn dawn in-nies jgħixu f’żoni rurali u għaldaqstant għandhom problema ta’ aċċess għall-edukazzjoni. Minħabba l-wasla ta’ numru ta’ emigranti fl-Ewropa, fejn iċ-ċans hu li l-anqas jafu jikkomunikaw bl-ilsien tal-pajjiż li jinsabu fih, huwa stmat li dan il-persentaġġ huwa ogħla minn hekk. Dan ifisser li jista’ jkun hemm impatt sinjifikanti fuq il-kwalità ta’ ħajja u ta’ saħħa ta’ dawn il-persuni. Huwa mifhum li fejn hemm l-illiteriżmu, in-nies ftit li xejn tkun taf kif titlob jew tfittex għall-għajnuna. Għaldaqstant dan jaf iżid aktar stigma marbuta mal-epilessija. EPIPICTO huwa l-proġett li qed jimmira lejn dil-ħtieġa immedjata.
L-għan ta’ din il-gwida huwa li jingħata tagħrif dwar tipi differenti ta’ epilessija , kif ukoll aktar għarfien u fatti dwar x’inhi u x’mhix din il-kundizzjoni. Hu maħsub li dil-gwida se tagħti daqqa t’id lill-adulti epilettiċi sabiex ikunu jafu aktar kif ifittxu l-għajnuna, biex b’hekk itejbu l-kundizzjoni ta’ saħħithom u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Finalment, dan kollu, għandu jikkontribwixxi sabiex tkompli titnaqqas l-istigma, ibbażata fuq informazzjoni ħażina jew inkorretta.
Fondi provduti minn Erasmus+ għall-iżvilupp ta’ dil-gwida.
*******************************************************************
Ritratt: Membri tal-kumitat tal-EPIPICTO u l-membri tal- Kumitat tal-Caritas Malta Epilepsy Association (CMEA).
Mix-xellug ghal-lemin: Noel Portelli, CMEA; Robin Pinkston, CMEA; Michael Alexa, Malta; Caroline Morton, Netherlands; Shirley Maxwell, Scotland; Thomas Porschen, Germany; Janet Mifsud, CMEA, Caroline Attard, CMEA.
**********************************************************************************
Kuntatt:
‘Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat imejl fuq: epipicto@gmail.com
Awstrija: Epilepsie Dachverband Österreich, Mr. Michael Alexa. Email: michi19691@yahoo.de
Ġermanja: Interessenvereinigung für Anfallskranke in Köln e.v., Mr. Thomas Porschen. Email: info@epilepsie-online.de
Malta: Caritas Malta Epilepsy Association, Prof. Janet Mifsud. Email: janetmifsud@gmail.com
Olanda:Stichting Epilepsie Instellingen Nederland (SEIN), Ms. Caroline Morton. Email: cmorton@sein.nl
Skozja: Epilepsy Connections, Ms. Shirley Maxwell. Email: smaxwell@epilepsyconnections.org.uk